It-Temp Illum
Temp: 23°C
5 ta'Settembru 2010
5 ta'Settembru 2010
Editorjal
Fr John Avellino
Diżgwid fil-Kunsilli fil-perspettiva
Opinjoni
Dr Joseph Cassar
Il-Bereġ joffru servizz ta’ infermiera u tobba għal ftit sigħat fil-ġimgħa biex jaqdu l-bżonnijiet mediċi bażiċi taż-żona. Is-servizz huwa b’appuntament iżda walk-ins jinqdew ukoll.

Michael Briguglio
Il-każ ta' Troy Davis fl-Istati Uniti tal-Amerika hu wieħed tassew ta’ sogħba, speċjalment meta jidher li skond Amnesty, dan hu każ mimli dubji, żbalji u preġudizzji.

Gejtu Vella
Bis-saħħa tal-Istituzzjonijiet u r-regoli tal-Unjoni Ewropea l-poplu Malti u Għawdxi se jkun jaf il-fatti dwar il-kuntratt tal-estensjoni tal-power station ta’ Delimara. Kuntratt li minflok ġab l-entużjażmu ta’ proġett ġdid ieħor għall-pajjiż, ġab ħafna mistoqsijiet u suspetti. Iż-żmien jagħti parir.

Patri Mario Attard OFM Kap
Madre Teresa, soru ċkejkna fid-daqs imma ġganta fil-qdusija. Skont stħarriġ Gallup li kien sar fil-ħarifa tal-1999, Madre Teresa ġiet ivvutata bħala l-iktar persuna ammirata tas-seklu għoxrin fl-Istati Uniti.

Maġistrat Joe Cassar
Il-Maġistrat Joe Cassar jaqsam mal-qarrejja tagħrif dwar xi kotba li qara dan l-aħħar.

spacer
Meta l-ħolm isir realtà
Paul Grech
"Kont naf li l-ballun differenti, imma l-bqija ma kellix idea". (Ritratt Matthew Scerri)
"Il-pożizzjoni ta' half-back hija kruċjali għall-organizzazzjoni tal-logħob. . ." (Ritratt Matthew Scerri)
Rodrick fil-bidu ta' azzjoni għat-tim tiegħu. (Ritratt Matthew Scerri)
Rodrick fil-bidu ta' azzjoni għat-tim tiegħu. (Ritratt Matthew Scerri)
Il-ħolma ssir realtà: Rodrick bil-flokk tal-Gateshead Thunder.
Il-ħolma ssir realtà: Rodrick bil-flokk tal-Gateshead Thunder.
16 ta'Jannar 2010

Kulħadd matul it-tfulija tiegħu kellu dik il-ħolma li, meta jħares lura, jinduna li ftit kien hemm possibilità li qatt setgħet issir realtà. Tiegħi ma kinetx waħda oriġinali għaliex hija komuni għal kważi kull tifel li kont naf: dik li nilgħab mat-tim tal-futbol favorit tiegħi. Minkejja n-nuqqas evidenti ta' abilità u l-fatt li jien stess kont konxju minn dan, hija ħolma li bqajt inżomm għal żmien twil sakemm bis-snin hija wkoll intradmet mir-realtajiet tal-ħajja.

Flokha nibet ħolm ieħor, li forsi kellu iktar għeruq fir-realtà. Ma’ dan waslet ukoll ir-realizzazzjoni li biex dak il-ħolm isir realtà hemm bżonn mhux biss il-kapaċità, imma wkoll li tistinka u taħdem ħalli tilħaq dak li trid. Ħafna drabi, id-diffikultajiet li ssib quddiemek iġiegħluk taqta' qalbek u tiddeċiedi li dak li tkun trid fil-verità jkun impossibbli għalik. Imbagħad tiġi quddiemek storja li turik kif, jekk tkun trid xi ħaġa u taħdem kemm tiflaħ għaliha, mela eventwalment iċ-ċirkostanzi se jgħinuk tilħaqha.

Hija din l-ikbar lezzjoni li toħroġ mill-istorja ta' Roderick Attard. Mhux li huwa qatt kellu l-ħsieb li jagħti lezzjonijiet tal-ħajja, minkejja l-fatt li bħala għalliem, indirettament dak huwa wieħed mid-dmirijiet tiegħu. Għaliex Attard m'għamel xejn għajr li baqa' joħlom u baqa’ jagħmel dak kollu li kien meħtieġ biex dak il-ħolm iseħħ. Atteġġjament li jidher sempliċi imma li, meta tħares lejn kemm ħolm jintrema minħabba n-nuqqas ta' rieda li dawn ikunu akkumpanjati mix-xogħol, fil-verità huwa altru milli hekk.

Matul dawn il-ġranet, huwa kien qed jivvjaġġa lejn Gateshead, fil-grigal tal-Ingilterra, fejn għad-disa’ xhur li ġejjin se jkun qed jilgħab mat-tim tar-Rugby League ta’ Gateshead Thunder.

"Dejjem kont noħlomha," hija r-risposta kemmxejn ovvja għall-mistoqsija tiegħi dwar is-sensazzjoni tiegħu għal dan l-iżvilupp.

"Hija l-ħolma ta' kull atleta Malti li jkun jista' jipprattika l-isport tiegħu b'mod professjonali. Sena ilu r-riżoluzzjoni tiegħi kienet li nikseb post fit-timijiet nazzjonali, kemm tar-rugby league kif ukoll tar-rugby union. Fir-rugby union ma rnexxilix nilħaq dak il-għan, imma mbagħad irnexxieli nikseb dan il-kuntratt."

Mhux ħażin għal plejer li sa sitt snin ilu lanqas kien jaf x'inhu r-rugby.

"Kont ili nieqes mill-isport ta' tim xi sentejn," huwa jirrakkonta dwar l-introduzzjoni tiegħu għal dan l-isport.

"Kont sejjer ftit ħażin fl-iskola u missieri kien issuġġerieli li nieqaf mill-futbol biex inkun nista' niffoka iktar. Ftit wara kont bdejt nieħu sehem fir-regatta, però dik kienet ta' darbtejn fis-sena u jien ridt xi ħaġa iktar kontinwa."

"Kien dak iż-żmien li ħabib tiegħi, Daniel Azzopardi, beda jgħidli dwar il-logħba tar-rugby u kemm kienu jieħdu gost minkejja t-taħriġ iebes li kienu jagħmlu."

"Fil-verità, ma kellix idea dwar ir-rugby. Kont naf li l-ballun huwa differenti u li kien sport ta’ kuntatt, imma mill-bqija ma kellix idea."

Dan kien sitt snin ilu u matul dan il-perijodu Attard żviluppa fi plejer għatxan li jitgħallem dejjem iktar dwar il-logħba tiegħu.

Kienet din il-kilba li jsir jaf iktar li wasslitu biex jipprova r-rugby league, il-logħba li hija kemmxejn differenti minn dik tar-rugby union, li hija l-kodiċi tal-logħba l-iktar prattikata f'Malta.

"L-ewwel darba li kont rajt ir-rugby league kien fit-2005 meta ġew il-Malta Knights. Kont rajt li hi logħba veloċi u għoġbitni, imma billi kont għadni nibda fir-rugby ma kont għamilt xejn iktar milli narahom jilagħbu."

"Imbagħad reġgħu ġew sentejn wara, u kellna logħba kontra l-British Defence Forces fejn provdewlna anki xi kowċing. Kien hemm ukoll Jarrod Sammut, li għandek tkun taf li huwa plejer li jilgħab f'livell għoli, l-istess bħal plejers oħrajn tajbin ħafna, u dak ikkonvinċieni nipprova. Lgħabt dik il-logħba u żammejt il-kuntatt u dejjem bqajt ninvolvi ruħi fil-logħob tar-rugby league. Il-fatt li fih iktar tackles għoġobni; l-istess bħall-fatt li trid titħarreġ sew biex tkun tista' tilgħab."

L-impatt tiegħu mill-ewwel kien wieħed tajjeb.

"Fil-union nilgħab mal-backs, imma għadni s'issa ma nafx eżattament jekk din hix l-aħjar pożizzjoni tiegħi. Il-club coach jilagħbni bħala flyhalf, imma l-kowċ tan-nazzjonal jgħid li dik mhix il-pożizzjoni tiegħi. Fir-rugby league, għall-kuntrarju, nilgħab bħala half-back. Sa mill-ewwel darba li lgħabt qaluli li dik hija l-pożizjoni tiegħi, u anki jien mill-ewwel ħassejtni komdu hemm."

Eventwalment, dan wassal għal opportunità li jibda jilgħab ma' klabb Ingliż.

"L-ewwel kuntatt kien meta ġie Malta tim kompost mill-Gateshead Under 17 u plejers mill-iScotland U17. Magħhom kien hemm wieħed mill-kowċis ta' Gateshead Thunder, li kellu l-opportunità jarani nitħarreġ u kien hemm li nnutani. Wara kellna logħba kontra Bamber Bridge fejn lagħab mat-tim Malti plejer, Chris Parker, li huwa tal-Gateshead Thunder, u l-interess kompla jikber minn hemm. Kien hemm ukoll Anthony Micallef, ir-rappreżentant tal-Malta Rugby League, li għen ħafna."

Qabel dan seta’ jseħħ, però, huwa kellu jmur għal perijodu ta' prova fejn, taħt għajnejn grupp ta' kowċis, huwa kellu juri x'kapaċi jagħmel.

"Il-kowċ kien jaf li jien rugby union plejer u ssettjajt f'moħħi fuq il-bażiċi tal-pożizjoni tiegħi. Għenni ħafna minn qabel Chris Parker, fejn qalli x'jippretendu minni bħala half-back. Rajt ħafna DVDs biex nifhem eżatt xi jrid jagħmel half-back, u meta mort hemmhekk għedt li rrid nagħmel dawn l-affarijiet. Konnha 40 trialist fuq tmiem il-ġimgħa. Kellna ġurnata fejn għamilna ftit drills. Kulħadd kellu jilgħab żewġ logħbiet fuq 30 minuta imma jien lgħabt tlieta. Wara ra l-vidjow session u qalli li kollox sew."

"Jien kont qed nistenna li jgħidli hekk, imma kif tenna dan il-kliem xorta ħadt ħafna gost. Imbagħad bdejt naħseb kif se ngħid lil tal-familja, fuq l-affarijiet amministrattivi li rrid nieħu ħsieb. Imma ħassejtni ferħan."

Issa, però, jibda l-iebes għaliex Attard irid jiġġustifika l-għażla tiegħu, u fl-istess ħin jegħleb numru ta' sfidi ġodda.

"It-temp żgur li se jkun sfida. Li se nkun waħdi ma ddejjaqnix ħafna, anki jekk naħseb li mhux se jkun faċli nkun bogħod mill-familja u t-tfajla.

“Dan, però, mhux qed itappan il-ħolm tiegħi. Fil-futur qarib qed nistenna li nkun wieħed mit-13 tal-ewwel tim. Irrid nitla’ hemm, nitħarreġ sew u nkun fl-ewwel tim. Fit-tul, irrid nipprova li r-rugby jkun xogħli u iktar ’il quddiem li niġi u nkun plejer aħjar u nagħti ftit lura lir-rugby.

 

NOTI ŻGĦAR

X'differenza hemm bejn ir-rugby league u r-rugby union?

Ir-rugby league ħareġ mir-rugby union meta fis-seklu 19 numru ta' klabbs riedu jkunu professjonali. Ir-regoli huma simili, imma hemm ħafna tibdiliet, bl-iktar waħda li tispikka tkun dik li tim tar-rugby league huwa kompost minn 13-il plejer, filwaqt li dak tal-union hu milgħuba minn ħmistax. Dan iwassal għal logħba iktar miftuħa.


X'tinvolvi l-pożizzjoni ta' Attard?
 

Fir-rugby league, Attard jilgħab bħala half-back, li ġeneralment huma l-iżgħar plejers fuq il-pitch. Din il-pożizzjoni hija kruċjali għall-organizzazzjoni tal-logħob, fejn huwa jrid ikun ħafif, b'viżjoni tal-logħob, u dejjem jaf kif l-aħjar juża l-ballun.
 

Min huma l-Gateshead Thunder?

Gateshead Thunder huwa klabb professjonali tar-rugby league li jilgħab fl-ekwivalenti tat-Tielet Diviżjoni fl-Ingilterra.
 

X'jgħidu fuq Attard?

Mhux neċessarjament l-aħjar plejer tar-rugby league li hawn f'Malta, u huwa raġel biżżejjed biex dan jammettih, imma għandu l-appoġġ ta' dawk madwaru biex jagħmel dan il-pass. Barra minn hekk, kien dejjem lest jaħdem u jagħmel dak li hemm bżonn biex jitjieb. (Anthony Micallef - Malta Rugby League)

 

 

 




Kummenti
» Ikteb kumment ġdid
Name
E-Mail
Comment:
There are no comments yet. Use the link above to add your own.
spacer
Media Centre