It-Temp Illum
Temp: 23°C
5 ta'Settembru 2010
5 ta'Settembru 2010
Editorjal
Fr John Avellino
Merħba Santità
Opinjoni
Tony Zarb
Tony Zarb isostni li wara li l-Gvern daħaq bil-ħaddiema tat-Tarzna, issa jista’ ma jżommx kelmtu mal-kumplament tal-ħaddiema.

Mario Tabone Vassallo
Ma jistax ikun li ma tweġġax tara l-burraxka mqanqla kontra l-Knisja, jgħid Mario Tabone Vassallo. Iżda, isostni, il-Knisja għandha tort ukoll.

Dr Lawrence Gonzi
Il-Prim Ministru jsostni f'diskors li għamel li l-identità ta’ pajjiż ma hix formola astratta, u lanqas ma hi burdata storika li tiġi u tmur. Hi proċess kumpless u twil.

Dr Jason Azzopardi
Iż-żjara tal-Papa fostna għandha sservi bħala tifkira għall-ġenerazzjonijiet kollha, li fl-identità storika, kulturali u reliġjuża tagħna, hemm il-kredenzjali l-iżjed importanti bħala nazzjon - bħala stat sovran, jgħid Dr Jason Azzopardi.

spacer
Tbeżbiża iebsa!
Fr John Avellino
31 ta'Lulju 2010

L-aħbar din il-ġimgħa li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet favur Alġerin li fetaħ kawża kontra Malta u ordnat li jingħata €12,000 bħala kumpens  minħabba li s-sistema preżenti Maltija naqset li tipproteġih minn perjodu twil u inutli ta’ detenzjoni, hi preokkupanti u fil-fehma tagħna għandha almenu sservi biex b’mod oġġettiv ikunu riveduti l-kundizzjonijiet li jgħixu fihom ħafna mill-immigranti irregolari li jinsabu f’pajjiżna, barra s’intendi l-kunċett kollu tad-detenzjoni fih innifisu.

B’ġustizzja jrid jingħad li l-Gvern innota d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea u qed jara x’jista’ jsir biex iwieġeb għall-kritika li saritlu mill-Qorti Ewropea.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li Khaled Louled Massoud kien imċaħħad mid-drittijiet tiegħu ta’ libertà u sigurtà meta kien miżmum f’kamp ta’ detenzjoni għal madwar 18-il xahar. Saħansitra l-Qorti qalet li l-policy tal-Gvern Malti m’għandha ebda”forza legali”, u jidher li l-istess Att dwar l-Immigrazzjoni jista’ jkollu flaws, li jridu jkunu rranġati.

Kif aċċennajna aktar ’l fuq, qed nitkellmu hawn dwar żewġ problemi konnessi: għandna min-naħa l-waħda l-policy kollha ta’ detenzjoni, almenu kif taħdem f'pajjiżna, u li Malta dejjem iddefendiet bħala l-uniku mod reali biex ikun ikkontrollat l-influss ta’ immigranti rregolari f’pajjiżna.

Hemm imbagħad il-problema l-oħra tal-kundizzjonijiet li jinżammu fihom ħafna mill-immigranti li jispiċċaw f’pajjiżna. Ngħiduha kif inhi, din tad-detenzjoni minn dejjem kienet problema, u Malta mhux l-ewwel darba kienet ikkritikata minn organi internazzjonali, barra s’intendi dawk lokali.

Nifhmu li l-Istat għandu r-raġunijiet tiegħu għaliex adotta policy ta’ detenzjoni li tista’ tidher twila żżejjed, iebsa u “inutli”, anki jekk, kif aċċennat il-Qorti Ewropea, din tista’ tmur kontra l-liġi internazzjonali. Nifhmu wkoll li faċli tikkritika u tgħaddi l-kummenti meta tkun gallerija.

Imma bla dubju ma nistgħu qatt naqblu li l-immigranti rregolari jinżammu  f’kundizzjonijiet diżumani u jkunu ttrattati ħażin. Dan sempliċiment mhux ġust u mhux aċċettabbli. Dawn huma bnedmin bħala li huma min huma, u għal liema raġuni jew oħra ġew f’pajjiżna, jixirqilhom kull rispett u dinjità umana. Xejn anqas!

Imma anki hawn, forsi nistgħu bħala ċittadini noffru aktar u nitkellmu inqas. Ngħidu aħna, ma nifhmux għaliex problema bħal din għandha tkun biss problema tal-Istat. Nafu li huma ħafna l-NGOs f’pajjiżna u entitajiet tal-Knisja f’Malta li qed jagħmlu ħafna b’risq l-immigranti irregolari, imma min jaf, forsi jistgħu jagħmlu iżjed?

Fid-dawl ta' dan kollu, ma tkunx ħaġa ħażina li l-Gvern jipproġetta din bħala problema nazzjonali, li allura problema li titlob response nazzjonali. Ċerti li bħala poplu nistgħu nagħmlu aktar, ladarba jitkissru l-preġudizzji li jeżistu kontra dawn il-persuni umani, ħafna drabi sempliċiment għax ġejjin mill-kontinent Afrikan u għax għandhom ġilja skura.

U allura hekk, nibdew naraw il-problema fuq żewġ binarji: min-naħa l-Istat jista’ jagħmel aktar biex jipprovdi faċilitajiet aħjar għall-immigranti irregolari li jispiċċaw Malta, barra li s’intendi jara jistax jirrevedi l-policy kollha tad-detenzjoni.

Imbagħad hemm ir-rwol tal-pubbliku Malti, li aħna ċerti jista’ jagħmel aktar. Ma tkunx ħaġa ħażina, ngħidu aħna, li persuni/familji Maltin jadottaw immigranti irregolari u jieħdu ħsiebu huma.

Imma min jaf, tgħid qed inħożżu fl-ilma? Nisperaw biss li le.

 




Kummenti
» Ikteb kumment ġdid
There are no comments yet. Use the link above to add your own.
spacer
Media Centre