It-Temp Illum
Temp: 25°C
8 ta'Settembru 2010
8 ta'Settembru 2010
Editorjal
Opinjoni
spacer
Xarabank verament ma jitlifx okkażjoni!
13 ta'Marzu 2010

Xarabank verament ma jitlifx okkażjoni! Mela waqt li bħalissa l-Knisja f’Malta qed tiċċelebra mal-kumplament tal-Knisja Universali s-Sena Pawlina; u waqt li l-Knisja f’Malta qed tħejji biex tilqa’ f’pajjiżna lill-Papa Benedittu XVI biex jiċċelebra magħna lil San Pawl, Peppi Azzopardi jistieden fil-programm tiegħu persuna mgħobbija b’bagoll ta’ preġudizzji kontra l-Knisja biex jitkellem dwar ktieb tiegħu li se jkun imniedi fil-ġranet li ġejjin, li jsostni, fost ħwejjeġ oħra li San Pawl u San Ġorġ Preca kellhom orjentazzjoni omosesswali!

L-awtur ta’ dan il-ktieb kellu wkoll l-idea ġenjali li jħoss li jista’ jikteb dwar persuni li llum m’għadhomx magħna, u li fil-fehma tiegħu setgħu kellhom orjentazzjoni omosesswali.

Fost ħafna ħwejjeġ oħra, Dr Joseph Chetcuti, l-awtur tal-ktieb in kwistjoni, sostna wkoll li fil-ġerarkija tal-Knisja Kattolika “hemm element qawwi ta’ omosesswalità”, u li “l-maġġoranza tas-saċerdoti huma omosesswali”. Skont Dr Chetcuti, il-Knisja Kattolika hi wkoll “l-għadu tal-omosesswali. Hi “tuża l-omosesswalità tagħna biex tiġbed il-qassisin”.

Irridu ngħidu għall-korrettezza li qed nagħmlu dawn il-kumment tagħna wara li segwejna l-programm ta' nhar il-Ġimgħa, u mhux għax qrajna l-ktieb. Naffermaw ukoll li ma għandna xejn kontra li programm bħal Xarabank jiddiskuti ktieb li suppost jittratta l-istorja tal-omosesswalità f’pajjiżna, kif ukoll, b’mod indirett, l-istorja mqallba tal-Knisja, jew l-għemil ta’ dawk li jagħmlu parti minnha. Il-Knisja qatt ma ddejjqet mill-kritika, anki jekk spiss tkun inġustament akkużata li tipprova xxekkel il-ħsieb ħieles.

Imma li fi programm ewlieni fuq l-istazzjon tal-Istat toffri spazju sostanzjali lil ‘awtur’ ta’ ktieb mimli spekulazzjoni, u nieqes minn kull riċerka akkademika jew stħarriġ xjentifiku, hu fil-fehma tagħna nsult lill-poplu ta’ dawn il-gżejjer, li jistenna tal-inqas li s-sentimenti tiegħu jkunu rispettati.

Għax ngħiduha kif inhi, li tikteb ktieb dwar l-istorja tal-omosesswalità biex sempliċiment tpoġġi l-Knisja Kattolika, jew il-mexxej spiritwali tagħha, f’dell ikrah, hu nġust u fl-aħħar mill-aħħar, ma jagħmel ebda ġid lill-kawża ta’ dawk li għandhom orjentazzjoni omosesswali. Kif sostna tant tajjeb Fr Joe Borg, wieħed mill-mistiedna fuq il-programm, “dan hu biss aġir ta’ żufjett lejn il-Papa, u nuqqas ta’ rispett lejn il-kultura tagħna”.

S’intendi, m’għandna ebda dritt niddettaw lit-tim ta’ Xarabank fl-għażla tas-suġġetti li jittrattaw fuq il-programm tagħhom. Kif lanqas m’għandna ebda dritt ngħidulhom lil min għandhom jistiednu fuq il-programm tagħhom, imma nistennew, iva, naqra aktar sensibilità u rispett lejn il-kultura li sawwret dan il-poplu u s-sentimenti li ħaddan tul sekli ta’ storja.


 




Kummenti
» Ikteb kumment ġdid
There are no comments yet. Use the link above to add your own.
spacer
Media Centre