|
Qiegħed tara ħarġa arkivjata. Klikkja hawn biex tara l-ħarġa preżenti.
Kummerċ u EkonomijaKulturaSportsGħawdexAvviżiIl-Ħajja MadwarnaReliġjonDivertiment u midjaL-Ittri TagħkomAħbarijietVjaġġar Fr John Avellino
Kulħadd jgħid li jrid, u kif irid? Mario Tabone Vassallo 'Dad-dellijiet ireżżħuni, ixoqquli għadmi, meta neħtieġ dawl saħħani. Dawn dellijiet li jafu jkarkru sa mewt kerha,' jgħid Mario Tabone Vassallo. Dr Joseph Cassar Dr Joseph Cassar MP jikteb dwar il-bżonn li nnaqqsu l-ammont ta' melħ li nagħmlu fl-ikel tagħna. Gejtu Vella Gejtu Vella jikteb dwar storja fl-ewwel paġna ta' L-Orizzont, li fil-fehma tiegħu, kienet biss ħlieqa. |
![]() |
Stefan Cachia 6 ta'Marzu 2010Il-festi parrokkjali din is-sena se jiġu ċċelebrati skond in-normi li kienu segwiti fl-aħħar snin... għall-inqas sakemm ikunu ppubblikati normi ġodda. Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa lbieraħ mill-Kurja tal-Arċisqof. Il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-futur tal-festi parrokkjali tnieda f’Ottubru li għadda permezz tal-pubblikazzjoni tad-dokument 'Nirrestawraw il-Festi Flimkien', li kien ippreżentat mill-Arċisqof Pawlu Cremona OP. Id-dokument qajjem interess qawwi b’mijiet ta’ kontribuzzjonijiet fuq il-mezzi tax-xandir lokali, kif ukoll fuq il-websajt tal-Kurja, www.maltadiocese.org b’kontribuzzjonijiet bil-miktub. Il-proċess ta’ konsultazzjoni għalaq nhar it-Tnejn 30 ta’ Novembru 2009. “B’kollox daħlu 563 kontribuzzjoni differenti bil-miktub,” qal lil IL-ĠENSILLUM online il-kelliem għall-Kurja, Kevin Papagiorcopulo, waqt li fisser li l-parti l-kbira ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet kellhom aktar minn punt wieħed. Il-kontribuzzjonijiet kienu varjati għall-aħħar u kienu jinkludu kummenti li jaqblu u oħrajn li ma jaqblux ma’ xi parti tad-dokument. Oħrajn taw suġġerimenti prattiċi dwar aspett jew ieħor tal-festi parrokkjali skond kif indirizzati fid-Dokument. “Daħlu wkoll il-kummenti mill-Għaqda tal-Każini tal-Baned, mill-Għaqda Piroteknika, mill-Għaqda Nazzjonali tal-Armar, u mill-Għaqda tal-Kampnari,” qalet l-istqarrija fir-rigward ta’ dokumenti voluminużi b’diversi kummenti u proposti li ngħataw minn għaqdiet li jirrappreżentaw istituzzjonijiet organizzati. Fost dawk li taw ukoll il-kummenti tagħhom b’mod formali kien hemm il-Kummissjoni Ambjent tal-Arċidjoċesi. Fil-ġimgħat li għaddew, diversi membri ta’ gruppi impenjati fl-organizzazzjoni tal-festi u li tkellmu informalment ma’ IL-ĠENSILLUM online irrimarkaw li ż-żmien qed jagħfas biex jiġu ffinalizzati t-tħejjijiet għall-festi parrokkjali tas-sajf li ġej. Minkejja d-diskusssjoni estensiva fuq medda ta’ xahrejn dwar id-dokument 'Nirrestawraw il-Festi Flimkien', f’Diċembru, l-Arċidjoċesi kkummissjonat stħarriġ xjentifiku li tmexxa mis-soċjologu l-Professur Mario Vassallo, dwar il-festi u kif in-nies iħarsu lejn il-festi. Bħala parti mill-istess stħarriġ sar ukoll paragun ma’ kif l-istess persuni għandhom relazzjoni ma’ Alla u mal-Knisja fil-kumplament ta’ ħajjithom. Intant, qed jitkompla l-proċess ta’ konsultazzjoni fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal u li nstab dwar x’jixtiequ l-Maltin mill-festi parrokkjali, u preżentement, spjegat l-istess stqarrija, għaddejjin laqgħat mal-għaqdiet nazzjonali li kkontribwew għad-diskussjoni dwar id-dokument 'Nirrestawraw il-Festi Flimkien' fid-dawl tal-korrispondenza li bagħtu. Il-Kurja spjegat ukoll li minħabba li l-proċess ta’ konsultazzjoni mhux se jkun konkluż sakemm jiftaħ l-istaġun tal-festi ftit ġimgħat oħra, u għalhekk id-dokument finali dwar il-festi mhux se jkun għadu ġie ppubblikat, “sakemm ikun approvat u ppubblikat id-dokument il-ġdid, għal din is-sena jibqgħu effettivi n-normi li kienu jeżistu sal-lum”.
There are no comments yet. Use the link above to add your own. |
![]() |
![]() |


