It-Temp Illum
Temp: 23°C
5 ta'Settembru 2010
5 ta'Settembru 2010
Editorjal
Fr John Avellino
F'Jum il-Ħaddiem, insellmu lil tat-Tarzna
Opinjoni
Michael Briguglio
Michael Briguglio, iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika – The Green Party, isellem lill-eluf ta’ ħaddiema f’Malta u Għawdex, li minkejja d-differenzi ta’ bejniethom kollha qed ibiegħu x-xogħol tagħhom għal paga.

Mario Tabone Vassallo
Jien ngħodd lill-Knisja bħala setgħa f’pajjiżna, setgħa li swiet u tiswa mitqlha deheb, jikteb Mario Tabone Vassallo.

Manuel Micallef
Jum il-Ħaddiem għandu jservi ta’ riflessjoni dwar il-qagħda tal-ħaddiem illum u xi sfidi jrid jiffaċċja fiż-żmien li ġej, isostni Manuel MIcallef.

Dr Joseph Cassar
Dr Joseph Cassar jinkuraġġixxi aktar żgħażagħ biex jagħmlu l-għażla tal-karriera tagħhom fis-settur tas-saħħa.

Gejtu Vella
L-1 ta’ Mejju: Jum il-Ħaddiem, festa ta' San Ġużepp Ħaddiem u s-sitt anniversarju mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

spacer
Patri Jozo Zovko OFM
Patri Mario Attard OFM Kap
Patri Jozo Zovko - Il-komunisti kienu jagħmlu pressjoni kbira fuq l-isqof biex iċaqilqu ta' spiss.
Patri Jozo Zovko - Il-komunisti kienu jagħmlu pressjoni kbira fuq l-isqof biex iċaqilqu ta' spiss.
31 ta'Lulju 2010

Għadni kemm ġej minn pellegrinaġġ qawwi ħafna f’Medjugorje. Waħda mill-aktar ħwejjeġ li saħħritni fuq dan il-post qaddis fejn fih il-Verġni Marija qed iżżur lilna, uliedha l-bnedmin, u tħeġġiġna kontinwament biex immorru għand Binha Ġesù permezz tas-sawm, tat-talb, tal-Ewkaristija, tal-Bibbja u tas-Sagrament tal-Qrar, hija l-personalità erojka ta’ ħija l-Franġiskan, Patri Jozo Zovko OFM.

Kif qalilna l-mexxej spiritwali tal-pellegrinaġġ, l-evanġelizzatur Kattoliku Edward Spiteri, Patri Jozo għadda minn martirju sħiħ biex seta’ jkun xhud ta’ min jorbot fuqu tal-messaġġ ta’ tama li joħroġ ta’ kuljum mir-raħal imbierek ta’ Medjugorje.

Kien il-Papa Ġwanni Pawlu II innifsu li, fl-20 ta’ Lulju 1992, ħeġġeġ kemm felaħ lil Patri Jozo biex jissokta b’entużjażmu u perseveranza l-missjoni li Alla għażlu għaliha, jiġifieri li jxerred mad-dinja kollha l-kliem ta’ Ommna Marija kif imwassal lis-sitt viżjunarji. “Okkupa ruħek b’Medjugorje. Indokra Medjugorje. Tiqafx. Ippersevera. Kun sod, jiena miegħek. Għasses u ħu ħsieb Medjugorje”.

Min hu dan il-Franġikan ta’ sinsla?

Patri Jozo twieled nhar id-19 ta’ Marzu 1941, fil-villaġġ ta’ Uzari fil-parroċċa ta’ Siroki Brijeg. Kien it-tmien wild minn għaxar ulied ta’ Mate u Milka Zovko. Għalkemm kienu żminijiet iebsa minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija l-familja rnexxielha tfendi ’l quddiem tant li ċ-ċkejken Jozo spiċċa l-iskola primarja l-ewwel f’Uzari imbagħad fi Brijeg qabel ma ntebaħ li kien imsejjaħ għas-saċerdozju u għall-ħajja kkonsagrata lil Alla.

Daħal is-seminjarju f’Bol fuq il-gżira ta’ Brac, fin-naħa ta’ isfel ta’ Split fil-Baħar Adrijatiku. Kif temm in-novizzjat tiegħu ġie trasferit għas-seminarju maġġuri f’Sarajevo u fl-età ta’ 26 sena temm b’suċċess il-kors tat-teoloġija fl-Università ta’ Ljubljana. Ġie ordnat saċerdot f’Sarajevo nhar is-6 ta’ Awwissu tal-1967. Kompla jispeċjalizza fl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Gratz fl-Awstrija.

Il-ħajja taż-żagħżugħ Patri Jozo ntiseġ magħha ħafna xewk. Meta rritorna f’pajjiżu, il-Jugoslavja, ir-reġim komunista ddarras mill-fidi profonda u mid-dedikazzjoni li dan il-Patri żagħżugħ kien juri lejn il-Mulej. Il-komunisti għamlu pressjoni kbira fuq l-isqof tal-post biex iċaqilqu ta’ spiss minn post għall-ieħor. Ma ninsewx li biex tiġi evitata persekuzzjoni totali tal-Knisja, l-isqfjiet li kienu jiġu nominati kien jeħtiġilhom li jkollhom l-approvazzjoni tal-awtoritajiet komunisti ta’ Belgrad, inklużi l-isqfijiet ta’ Mostar, Pavao Zanic u Ratko Peric, li tul il-ministeru episkopali tagħhom seħħew u għadhom qegħdin iseħħu d-dehriet f’Medjugorje.

Meta Patri Jozo ġie trasferit għall-parroċċa ta’ San Ġakbu f’Medjugorje, huwa ħeġġeġ kemm felaħ biex il-parruċċani jirritornaw lejn il-Mulej permezz tal-għajxien tas-Sagramenti. Sewwasew tmien xhur wara, nhar l-24 ta’ Ġunju tal-1981, waqt li kien qiegħed f’irtir fil-Kroazja, il-Verġni Marija dehret fuq l-għolja ta’ Podrbo.

Meta t-tfal Mirjana Dragicevic, Ivanka Ivankovic, Maria Pavlovic, Ivan Dragicevic, Vicka Ivankovic u Jakov Colo tarrfulu x’għadda mingħalihom fuq l-“għolja tad-dehriet”, Patri Jozo ma emminhomx. Il-konferma ħadha biss minn leħen misterjuż li sema’ għodwa minnhom, hekk kif temm il-quddiesa: “Ipproteġi lit-tfal”.

Patri Jozo wettaq dan bl-akbar fedeltà. Tant li meta l-mexxeja komunisti f’Mostar ordnawlu biex iwaqqaf il-moviment li kien għaddej f’Medjugorje, il-Patri rrifjuta. Ipproċessawh u waħħluħ tliet snin ħabs. Fuq pressjoni kbira li saret min-nies ta’ Medjugorje, il-Gvern Jugoslav kellu jqassar is-sentenza tiegħu bin-nofs.

Mir-rebbiegħa tas-sena 1983 fejn ġie trasferit għall-parroċċa ta’ Sant’Elija f’Tihaljina, Patri Jozo ma waqaf qatt ikun l-appostlu tal-messaġġi tal-Madonna f’Medjugorje.

L-imħabba kbira tiegħu lejn Ġesù permezz ta’ Marija wasslitu biex jipproteġi mhux biss lis-sitt viżjunarji iżda wkoll lil eluf ta’ tfal li sfaw vittmi tal-gwerra kiefra fil-Bosnia Herzegovina. Fil-mument kiefer tal-gwerra nsibu lil Patri Jozo jżur Londra, Washington, New York, Pariġi, Brussell, Strasburgu u Ruma fuq missjoni ta’ paċi biex jipperswadi lill-mexxejja politiċi biex jagħtu sehemhom ħalli jieqfu l-qtil u t-tbatija ta’ eluf kbar ta’ nies innoċenti. Medjugorje għallem lil Patri Jozo jkun ambaxxatur u kollaboratur speċjali tal-“Gospa”, is-Sultana tal-Paċi, billi bħalha jiżra’ l-paċi bi kliemu u għemilu.

Għall-Patri Franġiskan, il-qalba tal-messaġġi li l-Madonna tagħti f’Medjugorje hija l-Ewkaristija. Fil-fatt hu jgħid: “Poġġi ħajtek fuq l-altar. Inti se tixhed kif is-saċerdot se jpoġġi qatra ilma f’kalċi mimli inbid. Dik il-qatra ilma titħallat mal-ilma u tfisser int fil-quddiesa. Int tista’ ssir ħaġa waħda, magħqud u mħallat ma’ Ġesù. Għalhekk il-quddiesa hija msejħa Komunjoni – għaqda ma’ Alla – int u Alla tiegħek – din hi l-Ewkaristija Mqaddsa”.

F’diskors li għamel f’Portland, f’Oregon, l-Istati Uniti, Patri Jozo ssokta jisħaq fuq l-istess punt.

“Din kif inhi li l-knejjes u s-setet ma jaħmlux l-Ewkaristija u ma jurux imħabba lill-Verġni Marija? Għaliex it-tnejn imorru id f’id. Iva, imorru flimkien. Il-Verġni Marija tgħallem li jeħtieġ li mmorru għand Ġesù, li nsiru nħobbuh. Għalhekk hija tpoġġina quddiem l-Ewkaristija u titlob magħna biex nitolbu quddiem dan is-Sagrament Imqaddes ħalli minn Ġesù aħna nitgħallmu nsiru ħobż għall-oħrajn. B’hekk ma jkollix biża li ngħid: ‘Ħudu u kulu minni’ … Il-Verġni Marija taħdem b’modi mirakolużi. Minn dejjem kienet is-sinjal ta’ dinja aħjar, is-sinjal tal-paċi u l-għaqda fil-Knisja, is-sinjal tas-salvazzjoni tagħna”.

Minkejja l-persekuzzjonijiet, il-priġunerija, l-umiljazzjonijiet u l-allegazzjonijiet foloz ta’ korruzzjoni u abbuż tat-tfal, Patri Jozo ssokta jkun ix-xandar tal-messaġġi tal-“Gospa”.

Meta kien mistoqsi l-għaliex id-dehriet għadhom għaddejjin sallum huwa afferma b’qawwa kbira: “Storja vvintata ma tistax ittul daqshekk. U dan ma jistax ikun li hu xogħol Satana. Satana ma jistedinx għat-talb u għall-konverżjoni”.

Ix-xogħol fejjiedi li Patri Jozo, flimkien mal-Patrijiet Franġiskani sħabu Svetozar Kraljivec, Ivan Landeka, Slavko Barbaric, Petar Ljubicic, Philip Pavic, Tomislav Vlasic, Ivan Dugandzic, Tomislav Pervan, u Ljudevit Rupcic, wettqu f’Medjugorje juri kemm dan il-post qaddis huwa ta’ għajnuna mill-aktar siewja fil-mixja wara Kristu.

Tgħid il-Papa Ġwanni Pawlu II ma kellux raġun biex ibigħ meta fiehem lill-grupp ta’ 12-il isqof Taljan li fittxu parir mingħandu fuq persuni li kienu qegħdin itellgħu pellegrinaġġi f’Medjugorje: “Ħallu lin-nies imorru Medjugorje jekk jikkonvertu, jitolbu, iqerru, jagħmlu penitenza u jsumu”?

Il-ħidma pastorali fejjieda ta’ Patri Jozo Zovko OFM għadha tipproduċi dan il-frott spiritwali li qatt ma jintemm.
 




Kummenti
» Ikteb kumment ġdid
There are no comments yet. Use the link above to add your own.
spacer
Media Centre