It-Temp Illum
Temp: 23°C
5 ta'Settembru 2010
5 ta'Settembru 2010
Editorjal
Fr John Avellino
Il-passjoni tal-Knisja
Opinjoni
Gejtu Vella
Il-faqar u l-esklużjoni soċjali f’kull forma, għandhom ikunu miġġeldin b’impenn f’kull soċjetà, isostni Gejtu Vella, Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin.

Mario Tabone Vassallo
Mario Tabone Vassallo jikkummenta dwar id-deċiżjoni ta' Iżrael li jibni għadd ta' appartamenti fil-parti tal-Lvant tal-pajjiz li l-Għarab jgħidu li hu tagħhom.

Manuel Micallef
Nammetti li aħna poplu bieżel u għaqli. Iżda nammetti wkoll li aħna poplu indixxiplinat, jgħid Manuel Micallef.

spacer
Quo Vadis djalogu soċjali?
John Bencini
31 ta'Lulju 2010

Żviluppi riċenti fil-qasam tar-rappreżentazzjoni soċjali u tad-djalogu soċjali qed ikomplu jqajmu ansjetà u tħassib bla bżonn fost bosta mill-imsieħba soċjali f’pajjiżna. Fi żmien pjuttost qasir, rajna l-esklużjoni ċar u tond tal-Forum Unjins Maltin, Konfederazzjoni li tirrappreżenta 12,000 ħaddiem, mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, u rajna wkoll kif il-Malta Employers’ Association ngħatat il-ġenb mill-Gvern milli tirrappreżenta kif inhu xieraq l-Employers Maltin fil-Kunsill Soċjali u Ekonomiku tal-Unjoni Ewropea.

Il-ħaddiema Maltin qed jistaqsu: imma x’inhu jiġri f’dan il-pajjiż? Għaliex l-affarijiet kellhom jaslu s’hawn? Għaliex dan il-Gvern, li fis-snin imgħoddija dejjem emmen bis-sħiħ fid-djalogu soċjali, issa donnu qed ibiddel ir-rotta? X’qed jieħu l-Gvern b’dan l-atteġġjament hekk negattiv? Għalfejn qed jikkrea din l-atmosfera ta’ diżgwid?

Proprjament x’għandu f’moħħu? X’qed jirbaħ b’daqshekk? Imma possibbli li mhux qed jirrealizza li qed jispara għal saqajh? Għaliex qed ikompli jippersisti b’deċiżjonijiet żbaljati? Imma x’inhi r-raġuni li issa anki spiċċa gerrex bosta nies li fl-imgħoddi kienu viċin tiegħu jew jappoġġjawh? Għaliex qed jissokkta jikkrea l-għedewwa? Għalfejn qed joħloq maltempata bla bżonn? Għaliex qed jippermetti dawn l-anomaliji? Għaliex qed ikompli jwebbes rasu?

Meta niltaqgħu bħala kumitat tal-FOR.U.M u nkunu 11-il Unjin flimkien niddiskutu, nispiċċaw nistaqsu lil xulxin dawn il-mistoqsijiet u oħrajn. Ħafna drabi nispiċċaw nitkellmu waħedna għax ħadd m’għandu risposta. Kultant nispiċċaw nibdew ngħidu l-ereżiji! Bħal, per eżempju, imma possibbli li l-Gvern issa spiċċa xi ostaġġ ta’ xi ħadd fl-MCESD?!!

Kif jista’ xi Gvern li verament jemmen fid-djalogu soċjali, imbagħad meta jiġi fil-prattika jeskludi 11-il unjin li jiffurmaw il-Forum Unjins Maltin mill-MCESD? Dan il-Kunsill twaqqaf biex jagħti pariri lill-Gvern tal-ġurnata dwar ħwejjeġ li jolqtu l-politika tal-Gvern u kif deċiżjonijiet li jieħu l-Gvern jolqtu l-ħaddiema u l-għejxien tagħhom.

Il-FOR.U.M mhux xi klabb tal-boċċi iżda Konfederazzjoni li tinkludi l-infermiera, il-gradi kollha tal-għalliema, l-akkademiċi u l-lekċerers tal-Università, il-Junior College, l-MCAST u l-ITS, Periti u Inġiniera tas-Servizz Pubbliku, Piloti u Inġiniera tal-Air Malta, il-Cabin Crew tal-Air Malta, il-Ħaddiema tal-Bank Ċentrali, Ħaddiema Tekniċi u Klerikali tal-MEPA, Professjonisti fl-Awtorità tal-Ippjanar u ħaddiema oħra.

Ma nafx x’naqbad inżid jew nikteb iżjed. Jekk dan mhux ġenn, allura nappella lil xi ħadd jilluminana u jispjegalna, forsi nibdew nifhmu xi ħaġa!

Il-ġimgħa l-oħra dehru żewġ editorjali f’żewġ gazzetti differenti, waħda bil-Malti u l-oħra bl-Ingliż, fejn dawn qed jappellaw lill-Gvern biex mingħajr aktar dewmien ifittex isolvi dawn iż-żewġ anomaliji, dik tar-rappreżentazzjoni tal-MEA fuq il-Kunsill fi Brussell u dik tar-rappreżentazzjoni tal-Forum Unjins Maltin fuq l-MCESD.

IL-FOR.U.M jerġa’ jappella lill-Gvern għal ftit kuraġġ, u f’ġieħ il-ġustizzja jara li ħadd ma jiġi eskluż u jieqaf milli jieħu deċiżjonijiet preferenżjali li aktar qed jagħmlu ħsara irreparabbli lill-istess Gvern milli fuq min qed ibatihom.


John Bencini huwa l-President tal-Forum Unjins Maltin.




Kummenti
» Ikteb kumment ġdid
There are no comments yet. Use the link above to add your own.
spacer
Media Centre