It-Temp Illum
Temp: 25°C
8 ta'Settembru 2010
8 ta'Settembru 2010
Editorjal
Fr John Avellino
Kellha tkun Daphne?
Opinjoni
Tony Zarb
Tony Zarb isostni li l-poplu bħalissa għandu quddiemu għadd ta' problemi li "qegħdin jolqtu ħażin lill-poplu inġenerali".

Dr Jason Azzopardi
'Il-koperattivi jaħdmu biex jiksbu l-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet tagħhom,' jgħid Dr Jason Azzopardi.

Mario Tabone Vassallo
Mario Tabone Vassallo isellem lill-ġara tiegħu, li għexet ħajja mera ta’ kif Nisrani suppost jgħixha.

Mons Anton Gouder
L-intervent li għamel il-Pro Vigarju Mons Anton Gouder waqt il-Konferenza Nazzjonali organizzata minn ProġettImpenn is-Sibt bit-tema 'Għal Żwieġ B'saħħtu'.

spacer
Ir-Reġina tal-Ħolqien
Maġistrat Joe Cassar
13 ta'Marzu 2010

Is-soċjetà li twarrab fil-ġenb lil min tqis li mhux bħall-oħrajn, l-imġarrab. In-nies li jgħaddu ħaqq fuq oħrajn għax jaħsbu li huma safjin u l-oħrajn mimlija ħtijiet. Iz-zekzik fuq il-ġirien. Il-kelma żejda, il-gidba faħxija, it-tgarar tal-ġebel imniġġeż bl-id li tixħtu. Il-ħarsa iebsa.

Nathaniel Hawthorne (1805-1864) kittieb kbir Amerikan, f'The Scarlet Letter jieħu lill-qarrej f'Boston tas-seklu sbatax qalb puritani li telqu mill-Ingliterra u waqqfu kolonja fil-kontinent il-ġdid. Għandhom il-morali tagħhom iebsa bla ħniena, imma bħall-bnedmin oħra għandhom in-nuqqasijiet tagħhom li ma tantx ikidduhom.

Hester Prynne tiġi tqila, tinżamm il-ħabs, fuq sidirha titwaħħal ċarruta rrakkmata lewn id-deheb. Fuq iċ-ċarruta tgħajjat l-ittra “A” lewn skarlatta. Tinħareġ mill-ħabs, tittella' fuq palk tħaddan tarbija. Tiġi mitluba quddiem folla nies biex tikxef missier it-tarbija. Hi ma tikxifx. Missier it-tarbija qiegħed fost il-folla. Nieqes mill-kuraġġ ma jagħmel xejn.

Skont in-nies, din l-ittra skarlatta ġabet lewnha mill-abbissi tal-infern. Il-ħtija żgur se tintiret mit-tarbija Pearl, frott l-imħabba, daqstant sabiħa. Biex taqla’ x'tiekol tagħtiha għall-ħjata. Ħafna nies jeħtieġu x-xogħol tagħha imma ma jridux juru. In-nies teħtieġ għajnuna oħra u Hester ma tibqax lura meta tara t-tbatija.

Il-ħolqien jaqsam il-ferħ u n-niket mal-bnedmin: “Il-Ħolqien tal-masġar, salvaġġ, pagan, qatt imjassar bil-liġijiet tal-bniedem jew imdawwal b'sewwa aqwa: L-imħabba, kemm jekk għadha titwieled, kemm jekk imqajma mir-raqda li tixbah il-mewt, trid dejjem toħloq id-dawl u s-sħana tax-xemx. Waqt li timla l-qalb tant mimlija dija, li tfur fuq id-dinja ta' barra. Li kieku l-masġar baqa’ jżomm id-dieqa, xorta kien jiddi...”.

L-għajta tal-ħelsien minn soċjetà li tgħix fid-dlam. Tintrema ċ-ċarruta bl-itrra “A” ġewwa n-nixxiegħa. L-ittra “tleqq bħal ġojjell mitluf li xallal risqu ħażin jista' jiġbor u minn dak il-ħin ’l quddiem ikollu jbati ż-żjarat strambi minn iħirsa ta' ħtija, ta' qatgħa tal-qalb u xorti ħażina bla tifsira.”

Ħafna huma l-kliem f'kull ilsien li jibdew bl-“A”.

Hester tinżel mill-palk ta' dan l-artiklu u flokha minn wara l-kwinti tidher Sarah. Hawthorne jagħti postu lil John Fowles (1926-2005) li sawwar The French Lieutenant's Woman. Ix-xena turi ż-żmien tar-reġina Vittorja (1837-1901). Marzu 1867.

Sarah hija ttimbrata b'laqam iebes li ma jissemmiex imma s-soċjetà li ħalqitu tafu sewwa. Soċjetà li flok tqis l-għuda li hemm f'għajnejha tara t-tibna f’għajn ħaddieħor. Tiddeċiedi min ġie minn Sodoma u Gomorra. Tqis ġieħha b'kemm jirnexxilha ġġiegħel nies jagħmlu t-tewba fil-pubbliku.

Sarah tħobb titlaq lejn xtajta sabiħa, tistenna lil xi ħadd li taħseb li se jerġa’ jiġi kif wegħedha. Charles, żagħżugħ sinjur li dalwaqt se jiret art u titlu. Għarus lil Ernestina, li missierha sar sinjur min-negozju. Charles studja, jiġbor il-fossili li għandhom miljuni ta' snin. Ħabib ta' tabib Irlandiż. Jaħseb, iqabbel żmien ma’ żmien. Qed jgħix f'soċjetà. Jgħarbilha u “f'dawk is-sekondi qosra għaddejja bilġri minn fuq il-baħar li jitlajja, fil-ħemda ta' filgħaxija mimlija dawl, imkissra biss bil-ħasla siekta tal-mewġ, iż-żmien kollu Vittorjan kien mitluf”. Il-kittieb jidħol fir-rumanz u jżid “jien ma rridx infisser li ħa t-triq ħażina”.

Fowles jagħmel kritika tas-soċjetà. Kull kapitlu jibdieh b'silta minn kittieba u poeti. Joħloq il-kuntrasti. Marks u Darwin, Tenneyson u Arnold. Qed jikteb sura ta' rumanz ġdid bħal Alain Robbe - Grillet u bħal Wu Ming. Ifisser lill-qarrej x'inhu jagħmel għax “id-drawwiet tar-rakkonti Vittorjani ta' ġrajja li mhumiex minnhom, ma jħallu, ma ħallew l-ebda post għall-ftuħ. L-għeluq bla għeluq”.

Wara li jfisser li f'rumanz hemm il-kittieb, il-protagonist u l-qarrej, iħalli f'idejn dan tal-aħħar kif għandha tintemm il-ġrajja.

Ġrajja ta' tfajla mwarrba, li l-mistħija żammitha ħajja, li tagħraf li ma hijiex bħal nisa oħra, li taf li qatt ma hi se jkollha tfal, raġel, ferħ safi u li n-nisa l-oħra qatt ma huma se jifhmu ħtijietha. Imdawra f’esperiment letterarju. F'idejn il-qarrej biex jgħaddi ħaqq fuq it-tfajla, ħaqq letterarju u mhux morali. Karattri mill-aqwa b'deskrizzjonijiet ta' sbuħija tal-ħolqien.

Willkie Collins (1824-1899) ħoloq ir-rumanz 'Armadale'. Wara li xandru f'sensiela fil-gazzetta 'Cornhill Magazine' u daħħal 5,000 lira sterlina tiegħu, ġabu fuq il-palk fejn kellu jnaqqas in-numru tal-karattri. Dwar ix-xogħol għall-palk, sieħbu Charles Dickens, kittieb aqwa minnu, wissieh li n-nies ma kenitx se tniżżel l-immoralità tax-xogħol. Ir-rumanz għadu jinqara sal-lum bħala wieħed mill-ġenre ‘rumanz sensazzjonali'.

Il-ħajja ta' Collins kienet sfida għas-soċjetà Vittorjana. Lydia Gwilt (L-ittra “W” hija importanti), l-anti-eroj tar-rumanz, tgħidilna “rajt li riedu jinbxuni, żammejt kalma, u weġibthom b'mod mill-aktar dħuli, ħelu, kif jixraq lil sinjura. Intbaħt li l-Kristjaneżmu ta' ċerta klassi ta' nies ta' ġieħ jibda meta jiftħu l-ktieb tat-talb fil-11 ta' filogħdu nhar ta' Ħadd u jintemm meta jerġgħu jagħlqu l-ktieb fis-siegħa tas-Sibt wara nofsinhar. Xejn ma jgħaġġeb u jżeblaħ lill-Insara ta' din is-sura għajr meta tfakkarhom fil-Kristjaneżmu tagħhom f'jum ta' matul il-ġimgħa”.

Il-ħolqien tat-telegrafu, it-tqassim tal-ittri bil-posta, il-kolonna ta' min miet fil-gazzetti, l-iżvilupp tat-trasport jiddaħħlu fir-rumanz kif jiddaħħlu taħt ismijiet oħrajn nisa kriminali li tneħħew fuq il-forka għax qatlu bil-velenu. Il-qarrej ma jistax ma jivvjaġġax mal-kittieb minn pajjiż għall-ieħor flimkien ma’ ħafna karattri kbar u żgħar.

Collins ma kienx bniedem b'saħħtu, aktarx kien marid bin-'nervi' u kien jikkura ruħu bil-laudanum. Darba kellu jieqaf mill-kitba biex jistrieħ. Għalhekk ta' sikwit isemmi l-mard fix-xogħlijiet tiegħu.

Lydia Gwilt hi mara sabiħa li minn ċkunitha tgħallmet il-qerq u tibqa' taħdem hekk sakemm ittul ħajjitha. Ix-xorti tlaqqagħha ma' żewġ fergħat tal-familja Armadale, kif ukoll mal-familja Milroy. Il-ħażen jibqa' fiha u tħaddmu bla ma titlef sbuħitha, kif kien jiġrilhom nisa oħrajn fil-letteratura ta' dak iż-żmien.

Iżżomm djarju fejn tiftaħ qalbha u ruħha, kif tagħmel hekk ukoll quddiem il-mera. Tikteb ukoll ittri u tbiddel il-kaligrafija. Hi parti minn ġrajja li tibda b'ittra, tissokta b'ħolma, titwettaq imma.... Il-ġrajja ma hijiex xi waħda tal-biżgħa jew tal-orrur. Il-ħolqien mhux mittiefes għandu s-sehem tiegħu wkoll:

“Minuta b'minuta d-dawl fis-sema tal-lvant; u fl-inħawi dellija tal-gverta tal-bastiment tal-injam kixfu l-vojt ħawli tagħhom taħt għajn il-jum. Hekk kif iż-żiffa reġgħet qamet, il-baħar li ħareġ mir-raqda, reġa' ħaxwex fid-dawl tal-għodwa. Ukoll frisk u jbaqbaq, l-ilma miksur, biddel in-nota bla ferħ tiegħu u rtab fuq il-widna waqt li l-ilmijiet għammiela tas-sebħ ferrgħu sħana fuqha mix-xemx tiela' ”.


Ħajr lil Agenda Book Shop
 




Kummenti
» Ikteb kumment ġdid
There are no comments yet. Use the link above to add your own.
spacer
Media Centre