It-Temp Illum
Temp: 25°C
8 ta'Settembru 2010
8 ta'Settembru 2010
Editorjal
Fr John Avellino
Kulħadd jgħid li jrid, u kif irid?
Opinjoni
Mario Tabone Vassallo
'Dad-dellijiet ireżżħuni, ixoqquli għadmi, meta neħtieġ dawl saħħani. Dawn dellijiet li jafu jkarkru sa mewt kerha,' jgħid Mario Tabone Vassallo.

Dr Joseph Cassar
Dr Joseph Cassar MP jikteb dwar il-bżonn li nnaqqsu l-ammont ta' melħ li nagħmlu fl-ikel tagħna.

Gejtu Vella
Gejtu Vella jikteb dwar storja fl-ewwel paġna ta' L-Orizzont, li fil-fehma tiegħu, kienet biss ħlieqa.

spacer
L-Unjins jiżolqu fin-niexef!
Manuel Micallef
Novembru 2008: L-unjins magħqudin kontra l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. . . u llum?
Novembru 2008: L-unjins magħqudin kontra l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. . . u llum?
6 ta'Marzu 2010

Kultant nitbellah u niskanta kif naslu biex niżolqu fin-niexef. Sfortunatament, hekk qegħdin jagħmlu bħalissa t-trejdunjins jew aħjar il-mexxejja tagħhom.
Jekk qatt kien hemm żmien fejn il-moviment trejdunjonistiku Malti għandu bżonn, jekk mhux biss biex jidher, li huwa magħqud hu propju f’dan iż-żmien li għaddejjin minnu bħalissa.

Minflok jagħtu prova ta’ kemm verament jemmnu fis-solidarjetà fil-prattika, it-trejdunjins Maltin spiċċaw qishom kelb u qattus li ma jistgħux jaraw lil xulxin.
Dan l-istat ta’ firda bejn l-unjins qed iżid il-melħ fuq il-ferita, u minħabba f’hekk, il-pajjiż b’mod ġenerali qed ikompli jbati, kif qed ikomplu jiżdiedu l-piżijiet fuq il-ħaddiema u l-familji tagħhom, b’mod partikolari.

Minħabba din il-“firda trejdunjonistika” – “ereżija” skont id-dizzjunarju tar-relazzjonijiet industrijali – pajjiżna qed ikollu jiffaċċja skoll fid-djalogu soċjali li tant huwa meħtieġ f’dawn iż-żminijiet diffiċli ta’ problemi ekonomiċi u soċjali.

Meta diġà huwa diffiċli li jintlaħaq kompromess bejn l-imsieħba soċjali, kif nistgħu naslu għal forma ta’ ftehim meta għandek ir-rappreżentanti tal-ħaddiema maqsumin bejniethom u ferm ’il bogħod minn vuċi waħda?

Dan kollu ħareġ ċar mill-avveniment li suppost għaqqad lill-unjins, u minflok ħareġ fil-beraħ il-kriżi li jinsabu fiha t-trejdunjins. Il-famuża protesta nazzjonali li saret il-Ħadd u li kompliet it-Tnejn li għadda kellha l-għan li tagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex jissospendi t-tariffi tad-dawl u l-ilma, u jerġgħu jsiru taħditiet mill-ġdid bil-għan li jinstab rimedju ħalli ma jkomplix jiżdied il-piż tagħhom fuq l-industrija u l-ħaddiema.

Dwar dan il-għan, l-unjins kollha qablu, kif magħhom qablu wkoll ir-rappreżentanti tal-għaqdiet ta’ min iħaddem u l-industrija. Iżda ma qablux fuq il-protesta jew fuq kif għandhom iwasslu l-messaġġ tagħhom. Min qal li l-aħjar triq hija dik madwar il-mejda tan-negozjati; min qal li ilna madwar il-mejda u hemm bżonn il-poplu jsemma’ leħnu fit-toroq; min qal li l-protesta ma kellhiex tiċċappas mal-partiġġjaniżmu politiku u min qal li billi tistieden lill-partiti ma fiha xejn ħażin, anzi jkun ifisser iktar appoġġ.

Iżda minkejja l-isforzi li saru mill-unjins biex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom, l-uniku fattur li ħareġ ċar kien proprju n-nuqqas ta’ qbil bejniethom. U dan in-nuqqas ta’ qbil ma ġiex minħabba l-protesta. Il-protesta jista’ jkun li kienet iċ-ċirasa fuq il-kejk biex jiżbroffa l-vulkan!

X’inhi l-kawża ta’ din il-firda? Hija kwistjoni ta’ konflitt ta’ personalità bejn il-mexxejja tal-unjins? Pika ta’ min jidher li huwa l-aħjar mexxej trejdunjonistiku? Hija ritaljazzjoni tal-qasma li kien hemm ftit taż-żmien ilu fil-Konfederazzjoni tat-Trejdunjins Maltin (CMTU), fejn l-MUT u l-MUMN spiċċaw barra minn din il-Konfederazzjoni u ffurmaw federazzjoni ġdida (FORUM), biex imbagħad ingħaqdu mal-GWU u ffurmaw l-Għaqda Unjins Maltin? Hija kwistjoni ta’ stil jew ta’ sustanza fit-tmexxija? Unjins ġenerali kontra xulxin? Unjins żgħar ifittxu l-umbrella tal-wens? Hija kwistjoni ta’ min jiflaħ jimpressjona l-iktar bejn il-GWU u l-UĦM?

Pajjiż ċivilizzat bi status ta’ Stat Ewropew ma jiflaħx għal qasma bħal din fost l-imsieħba soċjali. Il-poplu għandu dritt jistaqsi u jfittex il-verità. U iktar minn hekk, il-membri tal-istess unjin għandhom għalfejn jistaqsu x’inhu jiġri, għax wara kollox, il-vittmi f’dawn it-tip ta’ kunflitti, fl-aħħar mill-aħħar, huma l-ħaddiema membri.

Min jista’ jifhem lil min jippriedkalu l-ħtieġa tas-solidarjetà u tas-“saħħa fl-għaqda” meta l-ħuta minn rasha tinten, u jidher li dak li jgħodd għall-membri ma jgħoddx għall-mexxejja tagħhom?

Min jista’ jifhem kif l-istess unjins imxew spalla ma’ spalla sena ilu fuq l-istess kwistjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma u sena wara dawn l-istess unjins spiċċaw jieħdu pożizzjonijiet differenti fuq l-istess kwistjoni.

F’qagħda tal-biki bħal din, kif nistgħu nippromwovu d-djalogu soċjali, relazzjonijiet industrijali sani u stabbiltà fuq il-post tax-xogħol u fil-pajjiż? Possibbli l-mexxejja tal-unjins jemmnu li jistgħu jiksbu kredibilità bil-konfrontazzjoni bejniethom?

Bħalma sena ilu l-moviment trejdunjonistiku ftaħar bl-avveniment storiku meta flimkien imxew mat-toroq tal-Belt, din id-darba l-istess moviment irid idur dawra miegħu nnifsu u jwarrab min-nofs il-paġna sewda li ħoloq bil-firda li għaddej minnha.

Tkun ħasra għal pajjiżna li ma jkollniex unjins. Ikun diżastru jekk ikollna unjins jikkonfrontaw lil xulxin. Il-mexxejja preżenti għandhom responsabbiltà li jfittxu s-soluzzjoni lil hinn mill-interessi personali. Qegħdin hemm biex jagħtu servizz lill-membri u mhux biex jużawhom għal skopijiet ta’ moħħhom.

Jekk il-mexxejja tal-unjins jonqsu minn dmirhom u jħallu kollox għaddej qisu ma kien xejn, ikollhom jiffaċċjaw il-kontijiet mal-membri tagħhom stess. Iż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma!

 




Kummenti
» Ikteb kumment ġdid
There are no comments yet. Use the link above to add your own.
spacer
Media Centre