It-Temp Illum
Temp: 25°C
8 ta'Settembru 2010
8 ta'Settembru 2010
Editorjal
Fr John Avellino
Diżgwid fil-Kunsilli fil-perspettiva
Opinjoni
Dr Joseph Cassar
Il-Bereġ joffru servizz ta’ infermiera u tobba għal ftit sigħat fil-ġimgħa biex jaqdu l-bżonnijiet mediċi bażiċi taż-żona. Is-servizz huwa b’appuntament iżda walk-ins jinqdew ukoll.

Michael Briguglio
Il-każ ta' Troy Davis fl-Istati Uniti tal-Amerika hu wieħed tassew ta’ sogħba, speċjalment meta jidher li skond Amnesty, dan hu każ mimli dubji, żbalji u preġudizzji.

Gejtu Vella
Bis-saħħa tal-Istituzzjonijiet u r-regoli tal-Unjoni Ewropea l-poplu Malti u Għawdxi se jkun jaf il-fatti dwar il-kuntratt tal-estensjoni tal-power station ta’ Delimara. Kuntratt li minflok ġab l-entużjażmu ta’ proġett ġdid ieħor għall-pajjiż, ġab ħafna mistoqsijiet u suspetti. Iż-żmien jagħti parir.

Patri Mario Attard OFM Kap
Madre Teresa, soru ċkejkna fid-daqs imma ġganta fil-qdusija. Skont stħarriġ Gallup li kien sar fil-ħarifa tal-1999, Madre Teresa ġiet ivvutata bħala l-iktar persuna ammirata tas-seklu għoxrin fl-Istati Uniti.

Maġistrat Joe Cassar
Il-Maġistrat Joe Cassar jaqsam mal-qarrejja tagħrif dwar xi kotba li qara dan l-aħħar.

spacer
Dellijiet
Mario Tabone Vassallo
Delimara
Delimara
6 ta'Frar 2010

Fil-għomma tas-sajf, bix-xemx tiżreġ u dawl jagħmi, sikwit infittex id-dell. Il-frisk tiegħu jaħjini u tgħidx kemm insibu ħelu u melliesi. Sabiħ titpaxxa bid-dawl nadif tax-xemx, li jdawwal l-irkejjen u l-ħofor kollha, biex kollox ikun ċar. Għaliex jien bniedem, ukoll dan l-għammiex kollu, jeħtieġli nilqagħlu b’nuċċali li jbatti xi ftit il-qawwa tiegħu. Iżda għaqli u hekk nagħmel, wieħed jagħżel nuċċali li ma joħloqx dellijiet qarrieqa, li jġagħaluk tmidd il-pass fejn taf toħodha għal rasek.

Fis-sirda tax-xitwa, mhux għax kellna xi xitwa iebsa dis-sena, aktarx infittex ix-xemx. Ħaġa tal-għaġeb, daż-żminijiet filli tkun titbaskat fid-dija sħuna u filli tindiehex malli tidħol f’roqgħa dell. L-istess fil-ħajja, meta kollox dawl utieqi u ċar, qisek tixtieq taħrab dat-tagħrif kollu li tħabbat wiċċek miegħu. Tithenna iktar titrekken bil-ħobża biż-żejt u t-tadam tiegħek, bil-kappar, bil-ħabaq u jekk mhux ukoll xi inċova jew aringa. Meta moħħok mistrieħ, dawn il-ħwejjeġ sempliċi u mhux imħabbla, biżżejjed għalik.

Iżda ż-żminijiet mhux daqstant imdawla, għad li bil-bosta iktar imdawla minn żminijiet jew imkien oħra. Dal-jiem inħossni għatxan għad-dawl qawwi li jħajjarni nfittex is-serħan tal-moħħ fid-dell tal-fiduċja. Illum, fid-dell inħoss reżħa li xxoqqli l-għadam u tkiddni. Id-dell, in-nuqqas ta’ tagħrif, baqa’ l-istess, iżda minħabba l-ksieħ tal-ambjent, flok iserraħni, jherrini, jgħajjini, jaħlini. Nixtieq iktar dawl li jsaħħan, li jġagħalni nfittex id-dell, flok dellijiet bħal dwar Delimara.

Ma nobsorx li twettaq xi ksur tal-liġi. Nassumi li, kieku kien hekk, il-pulizija kienet issaffar is-suffara. Iżda għax ma tkunx inkisret il-liġi, ma jfissirx li kulma sar sewwa. Ix-xitan iqarreb bil-kbir is-sewwa biex ibellagħlek l-imrar. Id-dinja turik id-debba biex tqabbżek il-ħmara. Ma hawnx dubju li t-twassil tal-elettriku jeħtieġ ikun tajjeb u garantit fit-tul.

Kont nobsor li li kieku tgħaqqadna b’iktar ħeffa max-xibka Ewropea, konna noħorġu b’orħos u nniġġżu inqas lil pajjiżna, waqt li nilħqu daż-żewġ għanijiet. Bla dubju, dejjem ikollna ħtieġa ta’ impjant hawn, talinqas biex jaqdi f’każ ta’ emerġenza u problemi b’dix-xibka.

Iżda ma nafx kif intagħżel impjant li jħalli bil-ħafna iktar skart minn ieħor li jħalli bil-bosta inqas. Issemmew 10,000 tunellata fis-sena minflok ħafna inqas. Dawn se jiswew miljuni kull sena biex neħilsu minnhom. Barra minn dan, il-kwotazzjoni tal-lum żgur li se togħla mal-mogħdija taż-żmien. Jaf ukoll li, issa li l-ambjent dejjem fl-aħbarijiet, insibu diffikultà fil-ġejjieni biex neħilsu minn dan l-iskart kollu.

Terġa’, ngħidu għall-argument li ma kien hemm xejn ħażin, ma tantx iddoqqli li kien hemm nies fil-qalba ta’ dan kollu li għandhom interessi marbutin ma’ min se jirbaħ minn din l-għażla. Il-fatt li wieħed ma jiħux sehem direttament fl-għażla ftit jaf iwarrab id-dell tiegħek fid-deċiżjonijiet, meta jittieħdu minn nies li jgħixu ħajjithom spalla ma’ spalla miegħek.

Il-bdil ta’ parametri waqt il-mixja lejn l-għażla, tajbin daqs il-bdil taż-żiemel f’nofs il-qsim tax-xmara, kif jgħidu l-Ingliżi. Il-ħatra ta’ esperti, biex jagħtu parir dwar l-għażla, li hu allegat dwarhom li dellhom tqil, tant li saħansitra l-Bank Dinji interdettahom sal-2013, ma sserraħlix moħħi. Allegazzjonijiet li l-aġent tal-kumpanija rebbieħa, b’xi mod, kellu kuntatti ma’ dawn l-esperti qabel dan kollu, ma jqawwulix qalbi.

Dad-dellijiet ireżżħuni, ixoqquli għadmi, meta neħtieġ dawl saħħani. Dawn dellijiet li jafu jkarkru sa mewt kerha.
 




Kummenti
» Ikteb kumment ġdid
There are no comments yet. Use the link above to add your own.
spacer
Media Centre