It-Temp Illum
Temp: 28°C
31 ta'Lulju 2010
31 ta'Lulju 2010
Editorjal
Fr John Avellino
Tbeżbiża iebsa!
Opinjoni
Ugo Mifsud Bonnici
Hawn min jaħseb li bil-kompjuter ħafna mill-għaqal u l-għerf tal-imgħoddi spiċċa l-valur tiegħu. Xejn minn dan. Il-bnedmin jibqgħu bnedmin. Anzi fuq       l-internet ħafna mill-kotba tal-għerf iddistillat fl-aħjar imħuħ ta’ qabilna llum jinstab diġitalizzat.

Nikol Baldacchino
Irridu nammettu li li jkollok it-tfal u m’intix miżżewweġ m’għadhiex u m’għandhiex tkun xi ħaġa tat-twerwir. Imma rridu nistaqsu: jaqbel għas-soċjetà tagħna li dan il-pass qed jiġi aċċettat mhux aktar bħala ‘żball’, fejn żewġ żgħażagħ kellhom x’jaqsmu sesswalment bejniethom, għamlu ‘żball’ u t-tfajla spiċċat tqila?

John Bencini
Il-ħaddiema Maltin qed jistaqsu: imma x’inhu jiġri f’dan il-pajjiż? Għaliex l-affarijiet kellhom jaslu s’hawn? Għaliex dan il-Gvern, li fis-snin imgħoddija dejjem emmen bis-sħiħ fid-djalogu soċjali, issa donnu qed ibiddel ir-rotta?

Mario Tabone Vassallo
F’soċjetà fejn tintilef il-fiduċja, kollox isir iktar iebes. Biex titla’ sellum u tagħmel xogħlok, trid tkun torbot fuq li l-iskaluni mhux se jċedu bik. L-istess fil-ħajja, meħtieġ li wieħed jorbot fuq il-mexxejja; talinqas li jistqarrulu s-sewwa jekk ma jaslux jagħmluha.

Patri Mario Attard OFM Kap
Tgħid il-Papa Ġwanni Pawlu II ma kellux raġun biex ibigħ meta fiehem lill-grupp ta’ 12-il isqof Taljan li fittxu parir mingħandu fuq persuni li kienu qegħdin itellgħu pellegrinaġġi f’Medjugorje: “Ħallu lin-nies imorru Medjugorje jekk jikkonvertu, jitolbu, iqerru, jagħmlu penitenza u jsumu”?

spacer
Dwarna
IL-ĠENS kienet ippubblikata mill-Media Centre għall-ewwel darba fid-29 ta’ April 1988. Kienet l-ewwel gazzetta f’Malta maħduma b'sistema ta' Desktop Publishing System, u l-ewwel gazzetta li għal xi żmien kellha magazine ta’ kull ġimgħa. Bdiet toħroġ fi żmien meta Fr Joe Borg kien Chairman tal-Media Centre, u aktar tard, wieħed mill-edituri tagħha. L-ewwel editur tagħha kien Pio Dalli.

Kif iddikjara l-ewwel editorjal tagħha, l-isem IL-ĠENS kien magħżul “għaliex nixtiequ li din il-gazzetta tkun tal-ġens Malti kollu”, fi żmien, kompla l-editorjal “meta llum qisna m’għadniex ġens wieħed”. L-istess editorjal kien saħaq li l-gazzetta l-ġdida tixtieq tkun “forum fejn jiġu ppreżentati u diskussi ideat differenti... nixtiequ li noffru l-opportunità lil kulħadd li jgħid dak li jaħseb u dan jagħmlu f’sens kostruttiv. Nixtiequ l-pluraliżmu ta’ ideat biex fl-aħħarnett ikun hemm qbil fuq affarijiet sostanzjali”.

Matul is-snin IL-ĠENS kienet dejjem ispirata mill-messaġġ Nisrani, kemm f’dik li hi l-għażla tal-aħbarijiet u l-istejjer li tippubblika, kif ukoll fil-linja editorjali tagħha. Kienet gazzetta tal-Knisja f’Malta, imma mhux il-leħen uffiċjali tagħha. Dejjem sostniet l-indipendenza editorjali tagħha, waqt li dejjem ippruvat tagħti vuċi lil dawk li m’għandhomx vuċi fis-soċjetà Maltija. Fuq kollox, minkejja r-riżorsi limitati li kellha, IL-ĠENS dejjem ippruvat twassal lill-qarrejja tagħha stejjer investigattivi, li xi wħud minnhom spiċċaw f’nofs id-diskussjoni pubblika nazzjonali.

Tul is-snin, IL-ĠENS għaddiet minn bosta bidliet fil-forma u l-kontenut, fl-għadd ta’ paġni, fil-masthead , u fid disinn ta’ isimha, fost oħrajn. L-aħħar bidla sostanzjali saret fl-2001. Fl-10 ta’ Frar ta’ dik is-sena, wara sentejn ta’ konsultazzjoni u diskussjoni ma’ realtajiet differenti tal-Knisja f’Malta “biex il-gazzetta tkun tal-komunità kollha”, tim ta’ esperti fil-qasam tal-ġurnaliżmu u tal-grafika ħadmu flimkien biex il-gazzetta tieħu sura ġdida. Din il-bidla waslet biex il-gazzetta tibda toħroġ b’40 paġna, kellha żieda fl-għadd ta’ kontributuri, u allura kellha firxa aktar wiesgħa tas-suġġetti diskussi. Kien hemm ukoll bidla fl-isem, għal IL-ĠENSILLUM.

IL-ĠENS tiftaħar li l-ġurnalisti tagħha, f’aktar minn okkażjoni waħda, kienu ppremjati għall-ħidma tagħhom: fl-1990 Tonio Bonello, illum Manager Programmi Radju RTK, rebaħ il-premju ta’ ‘Ġurnalist tas-Sena’. Ħames snin wara, l-istess premju ntrebaħ mill-Kamra tal-Aħbarijiet kollha flimkien. Fl-1998, Fr Joe Borg rebaħ l-ewwel edizzjoni tal-‘Golden Award for Journalists’ għall-impenn tiegħu fil-qasam tal-ġurnaliżmu, ix-xandir f’Malta u l-media education, li tagħha kien protagonist f’pajjiżna, flimkien ma’ Dr Mary Anne Lauri.

Il-mixja tal-gazzetta mhux dejjem kienet faċli. Dan wassal biex IL-ĠENSILLUM matul is-snin ma tibqax sostenibbli. Fid-dawl ta’ dan, u fatturi oħra li l-gazzetta mhux dejjem kellha kontroll fuqhom, is-Sinodu Djoċesan (1999 - 2003), fid-dokument tiegħu ‘Xandir tal-Kelma’ ħeġġeġ lill-Knisja f’Malta biex “tkun aktar ċara dwar il-linja tal-gazzetta tagħha bħala gazzetta ta’ ispirazzjoni Nisranija”.

Fi żvilupp ieħor, id-dokument ‘Il-Wiċċ Diġitali tal-Mulej’, ippubblikat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta fil-bidu tal-2009, u li fittex li jimplimenta l-policies proposti mis-Sinodu Djoċesan dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, sejjaħ lill-Knisja biex “fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tad-dokument (Il-Wiċċ Diġitali tal-Mulej) tittieħed deċiżjoni dwar il-ġejjieni tal-gazzetta IL-ĠENSILLUM wara li jkun ikkunsidrat jekk mis-Sinodu ’l hawn ‘qabditx art’, u wara li jkun ikkunsidrat l-ammont ta’ investiment paragunat mal-bejgħ tal-kopji, u l-influwenza li qed ikollha l-gazzetta”.

F’dan l-isfond id-deċiżjoni dwar IL-ĠENSILLUM, li minn gazzetta stampata tmur għal waħda diġitali, tħabbret mill-Arċisqof Pawlu Cremona OP, nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Ottubru 2009, waqt l-ewwel sessjoni tal-Assemblea Djoċesana. Dakinhar, ħarġet l-ewwel edizzjoni ta’ IL-ĠENSILLUM online.

IL-ĠENSILLUM baqgħet toħroġ kontemporanjament fil-forma stampata tagħha u dik diġitali għal tliet ġimgħat wara xulxin, sakemm fl-24 ta’ Ottubru kienet ippubblikata l-aħħar edizzjoni stampata, u ssoktat biss dik diġitali. Fr John Avellino kien l-aħħar editur tal-edizzjoni stampata, u fl-istess waqt l-ewwel editur tal-verżjoni online. Tul il-21 sena ta’ eżistenza tagħha, IL-ĠENS, wara IL-ĠENSILLUM, kellha b’kollox sitt edituri: Pio Dalli, Dr Edward Scicluna, Fr Joe Borg, Carmel Attard, Nikol Baldacchino, Karl Wright u Fr John Avellino.
spacer
Media Centre